This is an unofficial translation of the GNU General Public License into Maltese. It was not published by the Free Software Foundation, and does not legally state the distribution terms for software that uses the GNU GPL--only the original English text of the GNU GPL does that. However, we hope that this translation will help Maltese speakers understand the GNU GPL better.


Din hi traduzzjoni mhux uffiċjali tal-GNU General Public License bil-Malti. Din ma kinitx ippubblikata mill-Free Software Foundation, u ma tiddeterminax it-termini ta' distribuzzjoni għas-software li juża l-GNU GPL; it-test Ingliż oriġinali tal-GNU GPL biss jiddetermina dawn it-termini. Madankollu, aħna nisperaw li din it-traduzzjoni tgħin lill-Maltin jifhmu aħjar il-GNU GPL.


Liċenzja Pubblika Ġenerali GNU


Copyright (C) 1989, 2007 Free Software Foundation, Inc. 59 Temple Place, Suite 330, Boston, MA 02111-1307 USA.




Il-liċenzji tal-parti l-kbira tas-software huma maħluqa biex ineħħulek il-libertà kollha li tikkondividihom u li timmodifikahom.

Għall-kuntrarju, il-Liċenzja Pubblika Ġenerali hi maħsuba biex tiggarantixxi l-libertà tiegħek ta' kondiviżjoni u ta' modifika tas-software ħieles u biex tiżgura li dan is-software ikun ħieles għall-utenti kollha tiegħu.

Il-Liċenzja Pubblika Ġenerali attwali tapplika għall-parti l-kbira tas-software tal-Free Software Foundation, kif ukoll għal kwalunkwe programm li l-awturi tiegħu jimpenjaw ruħhom li jużaw.

(Ċerti software oħrajn tal-Free Software Foundation huma koperti mill-GNU Lesser General Public License minflok.)

Tista' tapplikah ukoll għal programmi li huma tiegħek.

Meta nitkellmu dwar software ħieles, aħna nirreferu għal-libertà, mhux għall-prezz.

Il-liċenzji pubbliċi ġenerali tagħna huma maħsuba biex jagħtuk l-assigurazzjoni li inti liberu biex tiddistribwixxi kopji tas-software ħieles (u li titlob ħlas għal dan is-servizz, jekk trid), li tirċievi l-kodiċi oriġinali u li tkun tista' tiksbu jekk tixtieq, li tkun tista' timmodifika s-software jew li tuża xi elementi tiegħu fi programmi ħielsa ġodda u li inti tkun taf li tista' tagħmel dan.

Biex nipproteġu d-drittijiet tiegħek, jeħtieġ li nimponu limiti li jimpedixxu li xi ħadd minnkom jirrifjuta dawn id-drittijiet jew li jitolbok tirrinunzja għalihom.

Inti għandek ċerti responsabbiltajiet minħabba dawn il-limitazzjonijiet jekk tiddistribwixxi kopji ta' dawn is-software, jew jekk timmodifikahom.

Per eżempju, jekk inti tiddistribwixxi kopji ta' xi programm, b'xejn jew bi ħlas, inti għandek tagħti lid-destinatarji d-drittijiet kollha li inti tgawdi minnhom.

Inti għandek tiżgura li huma wkoll jirċievu u jkunu jistgħu jużaw il-kodiċi oriġinali.

U inti għandek turihom dawn il-kondizzjonijiet sabiex huma jkunu jafu bid-drittijiet tagħhom.

Aħna nipproteġu d-drittijiet tiegħek f'żewġ fażijiet: (1) aħna l-propretarji tad-drittijiet ta' l-awtur tas-software, u (2) aħna nibagħtulek din il-liċenzja, li ttik l-awtorizzazzjoni legali li tikkopja, tiddistribwixxi u/jew timmodifika s-software.

Barra minn hekk, għall-protezzjoni ta' kull awtur kif ukoll tagħna, nixtiequ niżguraw ruħna li kulħadd jifhem li dan is-software ħieles m'għandu ebda garanzija.

Jekk is-software ikun modifikat minn xi ħadd ieħor imbagħad mibgħut lil terza persuna, aħna nixtiequ li d-destinatarji jkunu jafu li dak li rċevew ma jkunx is-software oriġinali, b'tali mod li kwalunkwe problema maħluqa minn oħrajn ma tkunx tista' ttebba' r-reputazzjoni ta' l-awtur oriġinali.

Finalment, kwalunkwe programm ħieles hu mhedded il-ħin kollu mill-brevetti tas-software.

Aħna nixtiequ nevitaw ir-riskju li dawk li jiddistribwixxu programm ħieles mill-ġdid jagħmlu talbiet invidiwali ta' liċenzja ta' brevett, fejn l-effett ta' dan hu li jsiru proprjetarji tal-programm.

Biex dan jiġi evitat, aħna nistabbilixxu biċ-ċar li kwalunkwe liċenzja ta' brevett għandha tingħata b'tali mod li l-użu tagħha jkun ħieles għal kulħadd jew inkella ma tingħata ebda liċenzja.

It-termini eżatti u l-kondizzjonijiet ta' l-ikkupjar, distribuzzjoni u modifika huma dawn li ġejjin:

Kondizzjonijiet ta' l-ikkupjar, distribuzzjoni u modifika tal-Liċenzja Pubblika Ġenerali GNU



0. Din il-Liċenzja tapplika għal kwalunkwe programm jew kwalunkwe software ieħor li tinkludi avviż, stabbilit mill-proprjetarju tad-drittijiet ta' l-awtur, li jistipula li dan jista' jkun distribwit skond il-kondizzjonijiet ta' din il-Liċenzja Pubblika Ġenerali. Minn issa 'l quddiem, il-"Programm" jindika kwalunkwe wieħed minn dawn il-programmi jew ħidmiet u "software bbażat fuq il-Programm" tindika kemm il-Programm, kif ukoll is-software derivat minnu skond il-liġijiet dwar id-dritt ta' l-awtur: fi kliem ieħor, softtware li jinkludi l-Programm jew parti minn dan ta' l-aħħar, kemm b'mod identiku, jew b'modifiki u/jew tradott f'lingwa oħra. (Minn issa 'l quddiem, it-terminu "modifika" jimplika, mingħajr ma jillimita ruħu għal dan, it-terminu traduzzjoni) Kwalunkwe konċessjonarju ser ikun indikat minn "inti". Attivitajiet oħrajn minbarra l-ikkupjar, id-distribuzzjoni u l-modifika mhumiex koperti minn din il-Liċenzja; huma ma jaqgħux fl-ambitu tagħha. L-operazzjoni għall-attivazzjoni tal-Programm m’hi sottomessa għall-ebda limitu u l-ħarġiet tal-programm mhumiex koperti ħlief jekk il-kontenut tagħhom jikkostitwixxi software bbażat fuq il-Programm (indipendentement mill-fatt li hi tkun twettqet bl-attivazzjoni tal-Programm). Il-validità ta' dak li jippreċedi tiddependi fuq dak li jagħmel il-Programm.

1. Inti tista' tikkopja u tqassam kopji identiċi tal-kodiċi oriġinali tal-Programm hekk kif inti tkun irċevejtu, fuq kwalunkwe bażi, dment li inti twaħħal fuq kull kopja, b'mod ad hoc u perfettament viżibbli, l-avviż tad-dritt ta' l-awtur adegwat u eżenzjoni mill-garanzija; li inti żżomm intatti l-avviżi kollha li jirreferu għal din il-Liċenzja u għan-nuqqas ta' kwalunkwe garanzija; u li inti tipprovdi lil kull destinatarju tal-Programm apparti lilek innifsek kopja ta' din il-Liċenzja fl-istess ħin mal-Programm. Inti tista' titlob ħlas għall-att fiżiku tat-trasmissjoni ta' kopja, u tista', b'għażla tiegħek, tipproponi garanzija bi ħlas.

2. Inti tista' temenda l-kopja jew kopji tiegħek tal-Programm u kwalunkwe parti minnu, b'hekk toħloq software bbażat fuq il-Programm, u tikkopja u tiddistribwixxi tali modifiki jew software skond it-termini ta' l-Artikolu 1 ta' hawn fuq, bil-kondizzjonijiet li tirrispetta wkoll kull wieħed mill-obbligi li ġejjin:
a) Fuq il-fajls modifikati inti għandek tpoġġi avviżi viżibbli sew li jistipulaw li inti mmodifikajt dawn il-fajls, kif ukoll id-data ta' kull modifika;
b) Inti għandek tieħu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex kull software li inti tqassam jew tippubblika, u li, totalment jew parzjalment, tkun tinkludi jew tkun ibbażata fuq il-Programm - jew kwalunkwe parti minn dan ta' l-aħħar - tkun konċessa fit-totalità tagħha, mingħajr ħlas, lil kwalunkwe terza persuna, skond il-kondizzjonijiet ta' din il-Liċenzja.
ċ) Jekk il-programm modifikat normalment jaqra l-istruzzjonijiet b'mod interattiv hekk kif ikun attivat, inti għandek, meta jibda l-attivazzjoni tiegħu għall-użu interattiv imsemmi bl-aktar mod tas-soltu, tagħmel b'tali mod li hu jistampa jew juri notifika li tinkludi avviż tad-dritt ta' l-awtur ad hoc, u avviż li jistipula li m'hemmx garanzija (jew li jindika biċ-ċar li l-garanzija hija fornita minnek), u li l-utenti jistgħu jiddistribwixxu mill-ġdid il-programm filwaqt li jirrispettaw dawn l-obbligi, u billi jiġi spjegat lill-utenti kif jara kopja ta' din il-Liċenzja. (Eċċezzjoni: jekk il-Programm hu fih innifsu interattiv iżda normalment ma jistampax tali notifika, is-software tiegħek ibbażat fuq il-Programm mhux obbligat jistampa notifika). Dawn l-obbligi japplikaw għal software modifikat meqjusa bħala sħiħ. Jekk xi elementi identifikabbli ta' dan is-software ma jkunux bbażati fuq il-Programm u jistgħu b'mod raġonevoli jkunu meqjusa bħala softwares indipendenti distinti fihom infushom, f'dak il-każ din il-Liċenzja u l-kondizzjonijiet tagħha ma japplikawx għal dawk l-elementi ladarba inti tqassamhom bħala ħdimiet distinti. Iżda ladarba inti tqassam dawn l-istess elementi bħala parti minn pakkett sħiħ, li jikkostitwixxi software bbażat fuq il-Programm, id-distribuzzjoni ta' dan il-pakkett sħiħ għandha tkun sottomessa għall-kondizzjonijiet ta' din il-Liċenzja, u l-awtorizzazzjonijiet li hi tagħti lill-konċessjonarji l-oħrajn jinfirxu għas-software sħiħ u għaldaqstant għal kull u kwalunkwe parti, irrispettivament minn min kitibha. Għaldaqstant, l-għan ta' dan l-artiklu mhux li jiġu rikonoxxuti xi drittijiet jew li jiġu kkontestati d-drittijiet tiegħek fuq xi programm interament miktub minnek; l-għan tiegħu hu pjuttost li jeżerċita d-dritt li jikkontrolla d-distribuzzjoni tal-ħidmiet derivati jew ta' ħidmiet kollettivi bbażati fuq il-Programm. Barra minn hekk, it-tixbih sempliċi tal-Programm ma' software ieħor li mhux ibbażat fuq il-Programm (jew software bbażat fuq il-Programm) f'sezzjoni ta' spazju ta' ħażna jew ta' punt ta' distribuzzjoni ma jpoġġix lil din il-ħażna l-oħra fl-ambitu ta' din il-Liċenzja.

3. Inti tista tikkopja jew tiddistribwixxi l-Programm (jew software bbażat fuqu, skond l-Artikolu 2) taħt forma ta' kodiċi oġġett jew eżekutibbli, skond it-termini ta' l-Artikoli 1 u 2 hawn taħt, dment li inti tirrispetta wieħed mill-punti segwenti:
a) Takkumpanjah bil-kodiċi oriġinali komplut korrispondenti, taħt forma li tinqara minn kompjuter, li għandu jkun distribwit skond l-Artikoli 1 u 2 ta' hawn fuq, b'mezz li jintuża normalment għall-iskambju tas-software; jew,
b) Takkumpanjah b'offerta bil-miktub, valida matul mill-anqas tliet snin, li tforni lil kull parti terza, b'tariffa li ma tkun aktar għalja min dak li jiswiek l-att fiżiku li twettaq id-distribuzzjoni oriġinali, kopja integrali tal-kodiċi oriġinali korrispondenti taħt forma li tinqara minn kompjuter, li ser tkun distribwita skond l-Artikoli 1 u 2 ta' hawn fuq, b'mezz li jintuża normalment għall-iskambju tas-software; jew,
ċ) Takkumpanjah minn informazzjoni riċevuta minnek dwar l-offerta ta' distrubuzzjoni tal-kodiċi oriġinali korrispondenti. (Din is-soluzzjoni mhix awtorizzata ħlief fil-każ ta' distribuzzjoni mhix kummerċjali u biss jekk inti tkun irċevejt il-programm taħt forma ta' kodiċi oġġett jew eżekutibbli akkumpanjat minn tali offerta - skond is-sotto-Artiklu b ta' hawn fuq.) Il-kodiċi oriġinali ta' programm jindika l-forma favorita biex isiru emendi għalih. Għal programm eżekutibbli, il-kodiċi integrali jindika t-totalità tal-moduli li hu jinkludi, kif ukoll fajls eventwali ta' definizzjoni ta' interfaces relatati, kif ukoll l-iskripts użati għall-kontroll tal-kompilazzjoni u l-installazzjoni ta' l-eżekutibbli. Madankollu, b'eċċezzjoni speċjali, il-kodiċi oriġinali distribwit mhux bilfors jinkludi dak li s-soltu jkun distribwit (kemm jekk taħt forma oriġinali jew binarja) bil-komponenti prinċipali (kompilatur, qalba (kernel) u oħrajn) tas-sistema ta' operattiva li fuqha jdur l-eżekutibbli, sakemm dan il-komponent innifsu ma jakkumpanjax l-eżekutibbli. Jekk id-distribuzzjoni ta' eżekutibbli jew ta' kodiċi oġġett tikkonsisti fl-offerta ta' aċċess li jippermetti l-kopja tagħhom f'post partikolari, f'dak il-każ l-offerta ta' aċċess ekwivalenti biex jiġi kkupjat il-kodiċi oriġinali mill-istess post tgħodd bħala distribuzzjoni tal-kodiċi orġinali - anke jekk it-terzi persuni mhumhiex marbuta jikkupjaw l-oriġinali fl-istess ħin bħall-kodiċi oġġett.

4. Inti ma tistax tikkopja, timmodifika, tagħti sub-liċenzja jew tiddistribwixxi l-Programm, ħlief jekk espressament previst minn din il-Liċenzja. Kwalunkwe tentattiv biex tikkopja, timmodifika, tagħti sub-liċenzja jew tiddistribwixxi l-Programm b’mod ieħor mhux meqjus bħala validu, u jtemm immedjatament id-drittijiet tiegħek skond din il-Liċenzja. Madankollu, il-parti terza li tkun irċeviet kopji jew drittijiet mingħandek, skond din il-Liċenzja, mhux se jintemmulha l-awtorizzazzjonijiet dment li din il-parti terza tikkonforma bis-sħiħ għaliha.

5. Inti m’intix obbligat taċċetta din il-Liċenzja sakemm ma tkunx iffirmajtha. Madankollu, xejn ieħor ma jtik l-awtorizzazzjoni timmodifika jew tiddistribwixxi l-Programm jew is-software bbażat fuqu. Għaldaqstant, billi timmodifika jew tiddistribwixxi l-Programm (jew kwalunkwe software bbażat fuq il-Programm), inti tkun qed tfisser li taċċetta din il-Liċenzja, u l-kondizzjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ikkupjar, id-disrtribuzzjoni jew il-modifika tal-Programm jew ta’ software bbażat fuqu.

6. Kull darba li inti tiddistribwixxi l-Programm (jew kwalunkwe software bbażat fuq il-Programm), tingħata awtomatikament liċenzja lid-destinatarju mill-konċessjonarju oriġinali tal-liċenzja, li tawtorizzah jikkopja, jiddistribwixxi jew jimmodifika l-Programm, taħt dawn il-kondizzjonijiet. Inti ma tista’ timponi ebda limitu supplementari għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija skond dawn lid-destinatarju. Inti m’għandekx ir-responsabbiltà li timponi r-rispett ta’ din il-Liċenzja lil terzi persuni.

7. Jekk, bħala riżultat ta’ deċiżjoni legali jew ta’ allegazzjoni ta’ ksur ta’ brevett jew għal kwalunkwe raġuni oħra (mhix limitata għal kwistjoni ta’ brevett), inti għandek obbligi (jew b’sentenza, konċiljazzjoni jew affarijiet oħrajn) li jikkontradiċu l-kondizzjonijiet ta’ din il-Liċenzja, dawn ma jeħilsukx mill-kondizzjonijiet ta’ din il-Liċenzja. Jekk inti ma tistax tiddistribwixxi b’mod li tissodisfa fl-istess ħin l-obbligi tiegħek skond din il-Liċenzja u kwalunkwe obbligu ieħor pertinenti, jirriżulta li inti ma tista’ bl-ebda mod tiddistribwixxi l-Programm. Per eżempju, jekk liċenzja ta’ brevett ma tippermettix distribuzzjoni mill-ġdid tal-Programm mingħajr ħlas għal dawk kollha li jirċievu kopja, direttament jew indirettament permezz ta’ l-intermedju tiegħek, f’dak il-każ l-uniku mod biex tissodisfa kemm il-liċenzja tal-brevett kif ukoll din il-liċenzja jkun l-astensjoni totali ta’ kwalunkwe distribuzzjoni tal-Programm. Jekk kwalunkwe parti minn dan l-Artikolu hi nulla jew inopponibbli fi kwalunkwe ċirkostanza partikolari, l-intenzjoni hi li l-bqija ta’ l-Artikolu jibqa’ japplika. Is-sezzjoni kollha tapplika fiċ-ċirkostanzi l-oħrajn kollha. L-għan ta’ dan l-Artikolu mhux li jwasslek tikser kwalunkwe brevett jew dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet ta’ proprjetà jew li tikkontesta l-validità ta’ xi waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet; l-għan waħdieni ta’ dan l-Artikolu hu li jipproteġi l-integrità tas-sistema ta’ distribuzzjoni tas-software ħieles, li tiġi implimentata permezz tal-prattika tal-liċenzji pubbliċi. Bosta persuni taw kontributizzjonijiet kbar għall-firxa wiesa’ ta’ software iddistribwiti permezz ta’ din is-sistema billi fdaw fl-applikazzjoni koerenti ta’ din is-sistema; kull awtur/donatur għandu jiddeċiedi jekk hu jew hi jridx/tridx jiddistribwixxi/tiddistribwixxi s-software permezz ta’ kwalunkwe sistema oħra, u konċessjonarju ma jistax jimponi din l-għażla. L-għan ta’ dan l-artikolu hu li jiċċara għal kollox dak li hu maħsub li hu konsegwenza tal-bqija ta’ din il-Liċenzja.

8. Jekk id-distribuzzjoni u/jew l-użu tal-Programm ikun limitat f’ċerti pajjiżi jew permezz ta’ brevetti jew inkella interfaces suġġetti għad-dritt ta’ l-awtur, il-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ l-awtur li jiddeċiedi li jkopri l-Programm b’din il-Liċenzja jista’ jżid limitazzjoni ġeografika ta’ distribuzzjoni espliċita li teskludi dawn il-pajjiżi sabiex id-distribuzzjoni tkun permessa biss f’dawk jew bejn il-pajjiżi li b’hekk mhumiex esklużi. F’dan il-każ, din il-Liċenzja tinkorpora din il-limitazzjoni daqs li kieku kienet tifforma parti minn din il-Liċenzja.

9. Il-Free Software Foundation tista’, minn żmien għal żmien, tippubblika verżjonijiet riveduti u/jew ġodda tal-Liċenzja Pubblika Ġenerali. Tali verżjonijiet ġodda jkunu simili għal din il-verżjoni b’mod ġenerali iżda jistgħu jkunu differenti f’xi dettalji biex jieħdu kont ta’ problemi jew tħassib ġodda. Kull verżjoni għandha numru ta’ verżjoni li jiddistingwiha. Jekk il-Programm jippreċiża n-numru ta’ verżjoni ta’ din il-Liċenzja li japplika għaliha u “kwalunkwe verżjoni ulterjuri”, inti għandek l-għażla li ssegwi l-kondizzjonijiet ta’ din il-verżjoni jew ta’ kwalunkwe verżjoni ulterjuri oħra ppubblikata mill-Free Software Foundation. Jekk il-Programm ma jispeċifika ebda numru ta’ verżjoni ta’ din il-Liċenzja, inti tista’ tagħżel kwalunkwe verżjoni ppubblikata mill-Free Software Foundation fi kwalunkwe mument.

10. Jekk inti tixtieq tinkorpora xi partijiet tal-Programm fi programmi ħielsa oħra li għandhom kondizzjonijiet ta’ distribuzzjoni differenti, ikteb lill-awtur biex titolbu l-awtorizzazzjoni. Għas-software li l-proprjetarju tad-dritt ta’ l-awtur tagħhom hi l-Free Software Foundation, ikteb lill-Free Software Foundation; xi kultant aħna nagħmlu eċċezzjonijiet f’dan is-sens. Id-deċiżjoni tagħna tkun ibbażata fuq l-għan doppju taż-żamma ta’ l-istatut liberu tad-derivati kollha tas-software ħieles tagħna, u li nippromwovu l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tas-software in ġenerali.

NUQQAS TA’ GARANZIJA



11. PERESS LI L-LIĊENZJA TAL-PROGRAMM HI MOGĦTIJA MINGĦAJR ĦLAS, EBDA GARANZIJA MA TAPPLIKA GĦALL-PROGRAMM, FIL-LIMITI AWTORIZZATI MIL-LIĠI APPLIKABBLI. ĦLIEF FEJN JISSEMMA MOD IEĦOR BIL-MIKTUB, IL-PROPRETARJU TAD-DRITT TA’ L-AWTUR U/JEW L-AWTURI PARTIJIET JFORNIXXU L-PROGRAMM “KIF INHU”, MINGĦAJR EBDA NATURA TKUN XI TKUN, ESPLIĊITA JEW IMPLIĊITA, INKLUŻI, IŻDA MHUX BISS, IL-GARANZIJI IMPLIĊITI TA’ KUMMERĊJABILITÀ U TAL-KONFORMITÀ GĦAL UŻU PARTIKOLARI. INTI TIEĦU R-RISKJI KOLLHA RELATATI MAL-KWALITÀ U MAR-RENDIMENTI TAL-PROGRAMM. JEKK IL-PROGRAMM IKUN DIFETTUŻ, L-ISPIŻA TAL-MANUTENZJONI, TAT-TISWIJA U TAL-KORREZZJONIJIET MEĦTIEĠA TAQA’ TOTALMENT FUQEK.

12. F’EBDA KAŻ, ĦLIEF JEKK IL-LIĠI APPLIKABBLI JEW KONVENZJONI BIL-MIKTUB TEŻIĠI DAN, PROPRJETARJU TA’ DRITT TA’ L-AWTUR IKUN XI JKUN, JEW KWALUNKWE PARTI LI TISTA’ TIMMODIFIKA U/JEW TIDDISTRIBWIXXI MILL-ĠDID IL-PROGRAMM KIF PERMESS HAWN FUQ, MA JISTA’ JINŻAMM RESPONSABBLI FIR-RIGWARD TIEGĦEK GĦAL DANNI, INKLUŻI DANNI ĠENERIĊI, SPEĊIFIĊI, SEKONDARJI JEW KONSEKUTTIVI, LI JIRRIŻULTAW MILL-UŻU JEW MIN-NUQQAS TA’ KAPAĊITÀ TA’ L-UŻU TAL-PROGRAMM (INKLUŻ, IŻDA MHUX BISS, IT-TELF TA’ DATA, IL-FATT LI DATA MA TIBQAX PREĊIŻA, JEW TELF ESPERJENZAT MINNEK JEW MINN TERZA PARTI, JEW IL-FATT LI L-PROGRAMM JONQOS MILLI JAĦDEM FL-ISTESS ĦIN MA’ KWALUNKWE PROGRAMM IEĦOR) ANKE JEKK L-IMSEMMI PROPRJETARJU TAD-DRITT TA’ L-AWTUR JEW IL-PARTI KKONĊERNATA JKUNU ĠEW IMWISSIJA BL-EVENTWALITÀ TA’ TALI DANNI.

TMIEM TAL-KONDIZZJONIJIET
Kif tapplika dawn il-kondizzjonijiet għall-programmi ġodda tiegħek



Jekk inti tiżviluppa programm ġdid, u jekk tixtieq li jkollu l-akbar użu possibbli għall-pubbliku, l-aħjar mezz kif tasal għal dan hu li tagħmel software ħieles li kulħadd jista’ jiddistribwixxi mill-ġdid u jimmodifika skond dawn il-kondizzjonijiet.

Biex tagħmel dan, poġġi fil-programm dawn l-avviżi li ġejjin. L-aktar sikur hu li żżidhom fil-bidu ta’ kull fajl oriġinali biex twassal bl-aktar mod effikaċi l-messaġġ tan-nuqqas ta’ kwalunkwe garanzija; kull fajl għandu jinkludu wkoll mill-anqas il-menzjoni “copyright” u indikazzjoni tal-post fejn jinsab l-avviż sħiħ.

[Linja li tagħti l-isem tal-programm u spjega fil-qosor ta’ x’jagħmel.] Copyright (C) [sena] [isem ta’ l-awtur] Dan il-programm hu software ħieles; inti tista’ tiddistribwixxieh mill-ġdid u/jew timmodifikah skond il-klważoli tal-Liċenzja Pubblika Ġenerali GNU, hekk kif ippubblikata mill-Free Software Foundation; jew il-verżjoni 2 tal-Liċenzja, jew (b’diskrezzjoni tiegħek), kwalunkwe verżjoni ulterjuri. Dan il-programm hu distribwit bit-tama li jkun utli, iżda MINGĦAJR EBDA GARANZIJA; ukoll mingħajr garanzija impliċita ta’ KUMMERĊJALIZZAZZJONI jew TA’ KONFORMITÀ MA’ UŻU PARTIKOLARI. Ara l-Liċenzja Pubblika Ġenerali GNU għal aktar dettalji. Int għandek tkun irċevejt kopja tal-Liċenzja Pubblika Ġenerali GNU; jekk dan mhux il-każ, ikteb lill-Free Software Foundation Inc., 51 Franklin Street, Fifth Floor, Boston, MA 02110-1301, USA.

Żid ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek, tal-posta elettronika kif ukoll tal-posta normali.

Jekk il-programm hu interattiv, agħmel b’tali mod li hu juri avviż qasir bħal dan meta hu jibda jopera b’mod interattiv:

Gnomovision verżjoni 69, Copyright (C) sena isem ta’ l-awtur Gnomovision m’hu akkumpanjat ASSOLUTAMENT B’EBDA GARANZIJA; għal aktar dettalji ittajpja “show w”. Dan hu software ħieles u inti mistieden tiddistribwixxieh mill-ġdid waqt li tirrispetta ċerti obbligi; għal aktar dettalji ttajpja “show c”.

L-istruzzjonijiet ipotetiċi “show w” u “show c” għandhom juru l-partijiet ad hoc tal-Liċenzja Pubblika Ġenerali. Evidentement, l-istruzzjonijiet li inti tuża jistgħu jissemmew b’mod differenti minn “show w” u “show c”; huma jistgħu jkunu kliks tal-mouse jew elementi ta’ menu jew kwalunkwe ħaġa oħra tajba għall-programm tiegħek.

Inti għandek tikseb ukoll mingħand min iħaddmek (jekk inti taħdem bħala programmatur) jew mill-iskola tiegħek, jekk hu l-każ, firma ta’ “rinunzja tad-drittijiet ta’ l-awturi” li tikkonċerna l-programm, jekk meħtieġ. Hawn hu eżempju (ibdel l-ismijiet):

Yoyodyne, Inc., b’dan tiddikjara li tirrinunzja għal kwalunkwe pretensjoni fuq id-drittijiet ta’ l-awtur tal-programm "Gnomovision" (li jagħmel progress tal-kompilaturi) miktub minn James Hacker. [firma ta’ Ty Coon], 1 ta’ April 1989 Ty Coon, President ta’ Vice.

Din il-Liċenzja Pubblika Ġenerali ma tawtorizzax l-inkorporazzjoni tal-programm tiegħek fi programmi proprjetarji. Jekk il-programm tiegħek hu librerija ta’ sotto-programmi, inti tista’ tiddeċiedi li hu aktar utli li tiġi awtorizzata l-edizzjoni ta’ links ta’ applikazzjonijiet proprjetarji mal-librerija. Jekk dan hu dak li tixtieq tagħmel, użda l-GNU Lesser General Public License minflok din il-Liċenzja.
Source:http://www.gnu.org/licenses/gpl.html

Dexsun home